Navigate Up
Sign In

Inawgurata l-Binja 1903 b’investiment ta’ nofs miljun ewro

Reference Number: PR220130, Press Release Issue Date: Jan 29, 2022
 
 


 Il-binja magħrufa bħala l-Binja 1903 fil-Marsa ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima wara li kienet irrestawrata kompletament b’investiment ta’ nofs miljun ewro minn SportMalta.

“Qed nagħmlu riġenerazzjoni qawwija fil-faċilitajiet sportivi u b’hekk il-Marsa se tkun ċentru tal-aqwa livell għal dawk kollha li mhux biss jipprattikaw l-isport, imma għal dawk li jsegwu l-isport bħala spettaturi. Il-Kumpless Sportiv tal-Marsa u l-madwar tiegħu qed jinbidlu f’hub sportiv ta’ livell internazzjonali”, qal il-Ministru Grima waqt l-inawgurazzjoni.

Il-ministru qal ukoll li l-ħidma tal-ministeru fil-qasam sportiv tmur lil hinn mit-titjib tal-faċilitajiet diretti sportivi, u llum qed naraw l-inawgurazzjoni ta’ binja li minn stat dilapidat, ġiet irrestawrata b’mod estensiv biex mhux biss tkun preservata parti mill-istorja tagħna, imma wkoll biex tintuża għall-benefiċċju tal-isport.



Il-proġett kien jinkorpora r-restawr tal-istrutturi kollha tal-binja storika, li kienet inbniet mill-Ingliżi fl-1903 u kellha l-funzjoni ta’ clubhouse għall-uffiċjali tas-servizzi Inglizi li kienu jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi tal-Marsa. 

Matul iż-żmien, filwaqt li l-binja qdiet funzjonijiet differenti, il-kundizzjoni tagħha bdiet tiddeterjora tant li kienet iddikkjarata bħala perikoluża. SportMalta ingaġġat periti esperti li analizzaw il-kundizzjoni tal-binja, il-ħsara, kif ukoll ippreparaw method statements biex isir ir-restawr skont metodi adattati għall-istruttura.

Fost ix-xogħol li sar, kien hemm partijiet estensivi mill-portico li tħattew kompletament biex setgħu jerġgħu jinbnew, saru travi ġodda, u twaħħlu aperturi godda tal-injam maħdumin skont id-disinn originali. Kif jitlesta lfinishing intern tal-binja, din tibda tintuża għall-komunità sportiva.



Fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa għaddejjin proġetti b’investiment massiċċ li se jsaħħu l-parteċipazzjoni talisportivi tagħna f’ambjent xieraq. Fost ix-xogħol li għaddej hemm il-bini ta’ ċentru ġdid tal-ġinnastika, li se jinkorpora fih ċentru għall-isquash, ċentru għall-weightlifting, fitness gym u courts tan-netball, kif ukoll ixxogħol estensiv fuq it-trakka tal-atletika, li permezz tiegħu l-livell tat-trakka se jkun ta’ livell internazzjonali.

Il-Ministru Clifton Grima rringrazzja lil dawk kollha involuti mhux biss fil-proġett tal-Binja 1903, imma filproġetti kollha li għaddejjin f’dan il-hub sportiv. Huwa rringrazzja lil SportMalta għall-ħidma, dedikazzjoni u impenn tagħha f’dan is-settur.

Luciano Busuttil, iċ-Chairmain ta’ SportMalta, qal li hija l-missjoni ta’ SportMalta li tgħolli l-livell tal-isport, mhux biss permezz tal-opportunitajiet li qed jingħataw lill-isportivi, imma bit-tijib tal-infrastruttura sportiva. Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, filwaqt li ta d-dettalji tal-proġett, qal li l-ħidma li għaddejja bħalissa fuq erba’ żoni se jagħmlu mill-Marsa hub sportiv tal-aqwa kwalità u ta’ livell internazzjonali.