Navigate Up
Sign In

Jum Internazzjonali tat-Tfal: proġetti ta’ ekoloġizzazzjoni fl-iskejjel tal-gvern

Reference Number: PR212088, Press Release Issue Date: Nov 20, 2021
 
 
 
Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jidħlu fi ftehim biex iwettqu proġetti ta’ ekoloġizzazzjoni fl-iskejjel tal-gvern. Dan huwa ftehim li se jwassal għal aktar tħaddir fl-ambjent tal-iskejjel.

Wara diskussjonijiet bejn Ambjent Malta u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, intgħażlu tliet skejjel biex ikunu implimentati l-ewwel proġetti ta’ Tħaddir Urban: l-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, Kulleġġ Maria Tereża, u l-iskejjel primarji ta’ Marsaxlokk u taż-Żejtun, Kulleġġ St Thomas Moore. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel.

Intgħażlet il-ġurnata tal-lum biex jitħabbar dan il-proġett fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal, li din issena qed ikun imfakkar bit-tema dinjija ‘A Better Future for Every Child’ (Futur Aħjar għal Kull Tifel u Tifla).

Il-proġetti jvarjaw minn titjib u assistenza fit-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli kif ukoll l-inkorporazzjoni ta’ disinn aħdar fil-iskejjel.

Ambjent Malta, b’kollaborazzjoni mal-FTS, se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ilftehim li permezz tiegħu se tipprovdi assistenza teknika dwar proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika urbana kif meħtieġ u timplimenta miżuri ta’ ekoloġizzazzjoni urbana u infrastruttura ekoloġika li jindirizzaw it-tniġġis ambjentali bil-ħsieb li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri fl-iskejjel tal-Istat.

Waqt it-tnedija, il-Ministru Aaron Farrugia qal li inizjattivi bħal dawn huma parti minn pjan usa’ biex inħaddru u nsebbħu ż-żoni urbani fejn naħdmu, ngħixu u fejn it-tfal tagħna jqattgħu l-ġranet ta’ kuljum. “Dawn il-proġetti se joħolqu spazji vibranti u sostenibbli li jsaħħu l-bijodiversità anke flurban, u jsaħħu wkoll aspetti soċjali, tas-saħħa u ekonomiċi, kif ukoll ir-reżiljenza tagħna għat-tibdil fil-klima,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan il-ftehim se jwassal biex ikollna aktar prattiċi tajbin fejn jidħol l-ambjent, is-sostenibbiltà u tibdil fil-klima. “Dan huwa messaġġ importanti ħafna li rridu ngħaddu lit-tfal tagħna u lill-komunità meta llum qed niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tat-Tfal bittema li tħares lejn il-futur li rridu nagħtu lil uliedna”, qalet il-Ministru Caruana.

Il-Ministri Farrugia u Caruana ppreżentaw b’mod simboliku pjanti lil żewġ studenti tal-iskola.

Preżenti għat-tnedija tal-proġett kien hemm ukoll diretturi fi ħdan Ambjent Malta, Herman Galea u Josianne Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young u l-Prinċipal u l-Kap tal-Iskola Victor Agius u Mario Bugeja.